Dwar

Il-Bord tal-Liċenzjar tas-Suq tal-Proprjetà huwa kompost minn sitt (6) membri – (Chairperson, erba’ membri, u segretarju/a tal-Bord) li jkunu appuntati għall-perjodu ta’ tliet (3) snin.

L-għanijiet tal-Bord tal-Liċenzjar tas-Suq tal-Proprjetà – Real Estate Licensing Board (RELB):

  • Jippubblika r-regolamenti meħtieġa li għandhom jiġu segwiti minn persuni li jagħmluha ta’ intermedjarji fil-proċess ta’ negozjar u waqt li jkunu qegħdin isiru t-tranżazzjonijiet li jinvolvu l-akkwist jew it-tneħħija ta’ biċċa art, inkluż dawk fuq bażi okkażjonali.  Dawn l-obbligi jistgħu jinkludu regoli, kundizzjonijiet u/jew eżenzjonijiet, fir-rigward tat-twettiq tax-xogħlijiet previsti li jaqgħu taħt l-Att tal-Aġenti, Sensar, u Konsulenti tal-Proprjetà.
  • Jiddetermina jekk applikant jissodisfax il-kriterji tal-eliġibilità sabiex tkun tista’ tiġi assenjata lilu liċenzja jew awtorizzazzjoni.
  • Jawtorizza l-eżerċitar ta’ xogħol minn intermedjarju fis-suq tal-proprjetà taħt kwalunkwe titlu.
  • Jiddeċiedi dwar tiġdid ta’ liċenzja.
  • Iwaqqaf u jżomm Reġistru ta’ Persuni Liċenzjati.
  • Jiddetermina u jimponi termini u kundizzjonijiet speċifiċi li għandhom jiġu segwiti kull meta tinħareġ liċenzja, reġistrazzjoni, jew notifikazzjoni.
  • Jirrevedi u jawtorizza bidliet li jkun hemm qbil dwarhom, li għandhom x’jaqsmu ma’ liċenzji u reġistrazzjonijiet.
  • Jissospendi u/jew jikkanċella liċenzji, reġistrazzjonijiet, u notifikazzjonijiet.
  • Jirrevedi u jippubblika notifikazzjonijiet minn persuni relevanti, li jew ikunu ser iwettqu tranżazzjonijiet ta’ proprjetà fuq bażi okkażjonali jew tranżazzjonijiet ta’ proprjetà bħala taħriġ fuq bażi ta’ apprentistat.
  • Jissorvelja l-Industrija tal-Intermedjazzjoni fis-Suq tal-Proprjetà, filwaqt li jenforza l-miżuri amministrattivi stabbiliti fl-Att, jekk ikun meħtieġ.
  • Jagħti pariri lill-Ministru fuq materji relatati mal-Intermedjazzjoni fis-Suq tal-Proprjetà.

 

L-Iskop tat-Taqsima tal-Liċenzjar tal-Proprjetà – Real Estate Licensing Unit (RELU)

It-Taqsima tal-Liċenzjar tal-Proprjetà hija l-id eżekuttiva tal-Bord tal-Liċenzjar tas-Suq tal-Proprjetà.  Għaldaqstant din it-Taqsima għandha l-kompitu li tamministra dak kollu relatat mal-funzjonijiet tal-Bord tal-Liċenzjar tas-Suq tal-Proprjetà (RELB).

Liċenzjar ta’ Aġenti, Sensara, Maniġers tal-Fergħat, u Konsulenti tal-Propjetà

L-Att dwar l-Aġenti, is-Sensara, u l-Konsulenti tal-Propjetà (Kapitlu 615 tal-Liġi ta’ Malta) daħal fis-seħħ fis-7 ta’ Lulju 2020 u jirregola l-liċenzjar tal-aġenti, sensara, konsulenti tal-propjetà u maniġers tal-fergħat f’Malta.

Skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Att, l-ebda persuna m’għandha teżerċita l-funzjoni ta’ sensar jew aġent tal-propjetà, jew tkun impjegata jew imħaddma bħala maniġer ta’ fergħa jew konsulent tal-propjetà dment li m’għandhiex liċenzja maħruġa skont dan l-Att.

Hemm tliet (3) Formoli Ewlenin:

  1. Il-Formola EA1 – Applikazzjoni għal applikanti eliġibbli u dawk mhux eliġibbli li beħsiebhom japplikaw għal liċenzja sabiex jaħdmu bħala sensara, aġenti, maniġers ta’ fergħat, u konsulenti tal-propjetà.
  1. Il-Formola EA2 – Applikazzjoni sabiex jingħata isem lil Aġenzija tal-Propjetà.
  1. Il-Formola EA3 – Applikazzjoni sabiex tirrikonoxxi Sħubija.

JIĠU AĊĊETTATI BISS L-APPLIKAZZJONIJIET LI JASLU PERMEZZ TAL- FOROM APPLIKABBLI ONLAJN.