Mistoqsijiet Komuni

Min Jeħtieġ Liċenzja Għas-Suq Tal-Proprjetà?

L-Att jistipula li kulmin jeżerċita waħda mill-funzjonijiet t’hawn taħt, għandu jkollu l-liċenzja relevanti ta’:

  • Sensar; jew
  • Aġent tal-Proprjetà; jew
  • Maniġer ta’ Fergħa; jew
  • Konsulent tal-Proprjetà

L-applikazzjoni għandha tiġi mressqa skont l-impenn attwali tal-individwu fi ħdan l-industrija intermedjarja tal-proprjetà.  Min jeżerċita l-funzjonijiet ta’ Maniġer ta’ Fergħa u Konsulent tal-Proprjetà fl-istess ħin, jista’ japplika għaż-żewġ tipi ta’ liċenzji.

L-ebda tipi oħrajn ta’ liċenzji ma jistgħu jinħarġu f’daqqa.

Il-Liċenzja Mandatorja?

Iva.

Kulmin jeżerċita l-funzjoni ta’ Sensar jew Aġent tal-Proprjetà, jew huwa impjegat/ingaġġat bħala Maniġer ta’ Fergħa u/jew Konsulent tal-Proprjetà, għandu jkollu liċenzja skont Taqsima A.  Tista’ tapplika għal-liċenzja minn hawn.

Min jaħdem bħala intermedjarju fuq Bażi Okkażjonali jew bħala Apprentistat (Leġiżlazzjoni Sussidjarja 615.02), jeħtieġ li jkun reġistrat b’konformità mal-Bord tal-Liċenzjar tas-Suq tal-Proprjetà.

X’inhuma l-konsegwenzi li wieħed jaħdem mingħajr liċenzja?

L-Att jiddikjara b’mod ċar li kwalunkwe individwu li jaħdem bħala intermedjarju fis-suq tal-proprjetà fi ħdan l-industrija mingħajr liċenzja jew li mhuwiex reġistrat b’mod adegwat mal-Bord tal-Liċenzjar tas-Suq tal-Proprjetà, ikun suġġett għal multa amministrattiva li ma teċċedix l-għoxrin elf ewro (€20,000).

X’inhu l-iskop tal-Leġiżlazzjoni Sussidjarja 615.03 – Regolamenti dwar id-Determinazzjoni tal-Applikazzjonijiet tal-Liċenzjar – maħruġa nhar l-24 ta’ Diċembru 2021?

Il-Leġiżlazzjoni Sussidjarja 615.03 tgħid li kwalunkwe persuna, li teżerċita attività kummerċjali jew professjonali fil-proprjetà u li għaliha japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-Att [L-Att dwar l-Aġenti, is-Sensara, u l-Konsulenti tal-Proprjetà (Kap. 615)], li tkun issottomettiet applikazzjoni għal liċenzja fil-forma intiera tagħha lill-Bord sal-31 ta’ Diċembru 2021, m’għandhiex tinżamm milli tkompli teżerċita attività kummerċjali jew professjonali matul il-perjodu li fih l-applikazzjoni tagħha tkun qed tiġi proċessata u determinata, sakemm il-Bord ma jamministrax mod ieħor meta jeħtieġu ċ-ċirkostanzi.

X’inhu l-għan tal-Leġiżlazzjoni Sussidjarja 615.02 – Regolamenti dwar Esperjenza ta’ Xogħol fis-Suq tal-Proprjetà – maħruġ fl-24 ta’ Diċembru 2021?

Il-Leġiżlazzjoni Sussidjarja 615.02 tgħid li kull persuna li beħsiebha tikseb liċenzja f’termini tal-Att [L-Att dwar l-Aġenti, is-Sensara, u l-Konsulenti tal-Proprjetà (Kapitlu 615)], u sakemm tinkiseb it-tali liċenzja, tkun tixtieq li jkollha esperjenza ta’ xogħol fis-suq tal-proprjetà, tista’ tissottometti applikazzjoni lill-Bord billi tuża l-formola preskritta li permezz tagħha titlob permess sabiex ikollha perjodu ta’ esperjenza ta’ xogħol, għal perjodu ta’ mhux aktar minn tnax-il xahar, ma’ Sensar Liċenzjat, jew Aġent, jew Maniġer ta’ Fergħa tal-Proprjetà, u tassisti fil-funzjonijiet ta’ Sensar, Aġent, jew Maniġer ta’ Fergħa tal-Proprjetà taħt is-superviżjoni tiegħu/tagħha.

Taqsima A

X’inhuma r-rekwiżiti sabiex wieħed japplika għal liċenzja?

Min japplika għal liċenzja:

  • Irid ikun għalaq it-18-il Sena
  • Ikollu:
  1. Ċertifikat rikonoxxut fis-Suq tal-Proprjetà u
  2. Ċertifikat fis-Saħħa u s-Sigurtà.

L-Applikanti għandhom jipprovdu wkoll:

  • Karta tal-Identità/Permess ta’ Residenza/Passaport – ġentilment ippreżenta kopja tal-Karta tal-Identità / Permess ta’ Residenza miż-żewġ naħat.
  • Kondotta tal-Pulizija riċenti (li ma tkunx maħruġa aktar minn xahar qabel id-data tas-sottomissjoni tal-applikazzjoni).
  • Dikjarazzjoni tal-qagħda finanzjarja ffirmata minn Nutar/CPA.  Id-dikjarant għandu jivverifika li l-applikant qatt ma kien dikjarat fallut u li mhuwiex preżentement għaddej minn proċeduri ta’ falliment/likwidazzjoni.
  • Curriculum Vitae (C.V).
  • Jobs Plus History.

X’tip ta’ Ċertifikat fis-Suq tal-Proprjetà huwa meħtieġ?

Jekk wieħed jaħdem bħala Aġent tal-Proprjetà, Sensar, jew Maniġer ta’ Fergħa, għandu jkollu ċertifikat fis-suq tal-proprjetà b’minimu ta’ 12 ECTS f’Livell 4, rikonoxxut mill-Malta Qualifications Recognition Information Centre (MQRIC) jew mill-Malta Further and Higher Education Authority (MFHEA).

Jekk wieħed jaħdem bħala Konsulent tal-Proprjetà, għandu jkollu ċertifikat fis-suq tal-proprjetà b’minimu ta’ 8 ECTS f’Livell 4, rikonoxxut mill-Malta Qualifications Recognition Information Centre (MQRIC).

X’tip ta’ Ċertifikat fis-Saħħa u s-Sigurtà huwa meħtieġ?

M’hemmx bżonn ta’ ammont minimu ta’ ECTSs jew livell minimu ta’ Malta Qualification Framework (MQF) sabiex jinkiseb Ċertifikat fis-Saħħa u s-Sigurtà.  Huwa meħtieġ biss li l-istituzzjoni edukattiva tkun akkreditata/rikonoxxuta mill-MFHEA.

Jekk wieħed ikollu dokumenti/informazzjoni addizzjonali x’jippreżenta wara li jkun issottometta l-applikazzjoni tiegħu, huwa neċessarju li jerġa’ japplika bid-dokumenti/informazzjoni aġġornata?

Le.  Jekk wieħed ikollu dokumenti/informazzjoni x’jissottometti, dan għandu jibgħathom b’mod elettroniku lil applicationreab@gov.mt flimkien ma’ ismu b’mod sħiħ, in-numru tal-karta tal-identità u n-numru ta’ referenza tal-applikazzjoni (FEA1-<>- 23).

Sakemm hija valida l-liċenzja?

Liċenzja hija valida sa massimu ta’ 5 snin mid-data tal-ħruġ bil-possibbiltà li tiġġedded wara li tiskadi.  Termini u kundizzjonijiet japplikaw.

Hemm kriterji addizzjonali li jridu jkunu sodisfatti mill-Aġenti tal-Proprjetà u s-Sensara?

Jekk wieħed jaħdem bħala Aġent tal-Proprjetà jew Sensar taħt isem kummerċjali, huwa meħtieġ li wieħed jimla l-Formola EA2.  Tista’ tirreġistra għall-Formola EA2 minn hawn.                                                                                                                                                                                                                                                                                                                                                                                                                                                        Apparti minn hekk, jekk wieħed jaħdem permezz ta’ Kumpanija b’Responsabbiltà Limitata (LTD jew PLC) u allura fil-pussess ta’ numru ta’ reġistrazzjoni ta’ kumpanija (C-numru) jew Sħubija reġistrata mar-Reġistru tan-Negozju ta’ Malta (MBR), b’numru ta’ reġistrazzjoni ta’ sħubija (P-numru) jew sħubija ċivili, il-Formola EA3 hija wkoll meħtieġa.  Tista’ tirreġistra għall-Formola EA3 minn hawn.

 

Għal aktar mistoqsijiet jew kjarifika, tista’ ġentilment tikkuntattjana fuq +356 2248 1500 jew enquiriesreab@gov.m

Skip to content