Dwarna
L-Irwol u l-Għanijiet tal-Aġenzija Dwar is-Suq tal-Proprjetà
L-Aġenzija dwar is-Suq tal-Proprjetà għandha rwol kruċjali biex tiżgura li l-intermedjazjoni fil-proprjetà immobbli huwa rregolat b’mod tajjeb, trasparenti u mdawwar mal-konsumatur. L-għan ewlieni tagħha huwa li tirregola u tissorvelja l-intermedjarji tal-proprjetà immobbli sabiex jinħoloq ambjent ġust u kompetittiv u li jrawwem il-fiduċja fost il-partijiet interessati kollha, li huma; x-xerrejja, l-bejjiegħa, l-investituri u l-professjonisti fis-suq tal-proprjetà.
Il-Missjoni Tagħna
Il-missjoni tagħna hija li nsaħħu l-governanza, nżommu l-istandards etiċi, u nrawmu t-tkabbir professjonali tal-intermedjarji fis-suq tal-proprjetà. Apparti minn hekk, aħna marbutin li niżguraw li s-settur tal-proprjetà immobbli huwa rregolat b’mod tajjeb u trasparenti billi:
- Intejbu l-oqfsa ta’ governanza biex tinħoloq intermedjazjoni fis-suq tal-proprjetà immobbli iktar ġusta u responsabbli;
- Ninfurzaw l-istandards etiċi biex nippromwovu l-integrità u l-fiduċja fost il-professjonisti tal-industrija;
- Intejbu l-iżvilupp professjonali permezz ta’ taħriġ, ċertifikazzjonijiet, u inizjattivi ta’ edukazzjoni kontinwa.
Billi nwettqu din il-missjoni, naspiraw li nibnu ambjent tal-proprjetà immobbli aktar sostenibbli, kompetittiv, u mdawwar mal-konsumatur.
Il-ħidma tal-aġenzija hija msejsa fuq erba’ (4) pilastri fundamentali:
L-4 Pilastri
- Regolamentar u ssorveljar tal-Attivitajiet tal-Intermedjarji tas-Suq tal-Proprjetà
- Promozzjoni u koordinazzjoni ta’ taħriġ tal-Intermedjarji tas-Suq tal-Proprjetà
- Inkoraġġiment u koordinazjoni ta’ riċerka rigward is-Suq tal-Proprjetà
- Organizzar u Promozzjoni ta’ kampanji edukattivi rigward is-Suq tal-Proprjetà, b’mod partikolari dwar il-ħarsien tal-konsumatur
Liċenzjar ta’ Aġenti ta’ Proprjetà Immobbli, Sensara ta’ Proprjetà, Maniġers ta’ Fergħat u Konsulenti ta’ Proprjetà prospettivi
L-Att dwar l-Aġenzija dwar is-Suq tal-Proprjetà (Kapitolu 644 tal-Liġijiet ta’ Malta) daħal fis-seħħ fis-26 ta’ Settembru 2024 u jirregola l-attivitajiet tal-intermedjarji tas-suq tal-proprjetà fil-Gżejjer Maltin.
Skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Att, ħadd ma jista’ jaħdem bħala Sensar tal-Proprjetà jew Aġent tal-Propjetà Immobbli, jew ikun impjegat jew imqabbad bħala Maniġer ta’ Fergħa jew Konsulent tal-Propjetà, sakemm ma jkollux liċenzja maħruġa taħt l-Att dwar l-Aġenzija tas-Suq tal-Proprjetà (Kapitolu 644).
Hemm tliet (3) Formoli Ewlenin għal-Liċenzja:
- Formola EA1 – Applikazzjoni għall-applikanti eliġibbli li jixtiequ japplikaw għal liċenzja sabiex jaġixxu bħala Sensara tal-Proprjetà, Aġenti tal-Proprjetà, Maniġers ta’ Fergħat jew Konsulenti tal-Proprjetà.
- Formola EA2 – Applikazzjoni għar-Reġistrazzjoni ta’ Isem Kummerċjali (Trade Name) mal-Aġenzija Dwar is-Suq tal-Proprjetà.
- Formola EA3 – Reġistrazzjoni ta’ sħubija kummerċjali mal-Aġenzija Dwar is-Suq tal-Proprjetà
Nipproċċessaw biss applikazzjonijiet sottomessi mill-formoli disponibbli fis-sit tagħna. Il-formoli jinsabu f’din il-paġna.
